Laqgħa bilaterali mad-Deputat Prim Ministru Ian Borg u żjarat f'diversi faċilitajiet tas-saħħa akkumpanjati wkoll mis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista
Iż-żjara tad-delegazzjoni Torka f'Malta, immexxija mid-Deputat Ministru tas-Saħħa tar-Repubblika tat-Turkija, Dr Şuayip Birinci, bdiet b'laqgħa bilaterali mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg. Din kompliet b'laqgħat u żjarat f'diversi faċilitajiet u entitajiet marbuta mas-settur tas-saħħa, li matulhom id-delegazzjoni kienet akkumpanjata wkoll mis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Anzjanità Attiva, Deo Debattista. L-għan kien li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jesploraw aktar opportunitajiet ta' kooperazzjoni.
Id-diskussjonijiet iffokaw fuq it-trasformazzjoni diġitali, l-infrastruttura tas-saħħa u s-servizzi fil-komunità. Għal Malta, dawn l-iskambji joffru opportunità biex tifhem aktar mill-qrib l-esperjenza tat-Turkija fl-iżvilupp tas-sistemi diġitali u tal-faċilitajiet tas-saħħa, hekk kif pajjiżna qed iħejji għal proġetti importanti f'dan il-qasam.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg enfasizza kif il-kooperazzjoni internazzjonali tista' tgħin lil Malta fit-tisħiħ tas-servizzi u fl-iżvilupp tal-infrastruttura tas-saħħa.
“Ir-relazzjonijiet tajbin bejn pajjiżna u t-Turkija jagħtuna bażi soda biex inkomplu naqsmu l-għarfien u nesploraw opportunitajiet ta' kooperazzjoni fis-settur tas-saħħa. Hekk kif qed inħarsu lejn proġetti importanti għall-futur tal-kura f'pajjiżna, irridu nitgħallmu mill-esperjenzi ta' pajjiżi oħra, fosthom fl-infrastruttura u fis-sistemi diġitali. L-għan tagħna huwa li dan l-għarfien isarraf f'servizzi aħjar għall-pazjenti u f'aktar appoġġ għall-professjonisti tagħna," qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-programm inkluda żjarat fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fejn id-delegazzjoni ngħatat tagħrif dwar is-servizzi tal-isptarijiet. Id-delegazzjoni żaret ukoll iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, b'enfasi fuq il-kura u s-servizzi speċjalizzati offruti fil-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif dawn iż-żjarat ippermettew skambju ta' esperjenzi dwar l-użu tat-teknoloġija u t-twassil tal-kura eqreb lejn in-nies. “Żorna diversi faċilitajiet tas-saħħa f'pajjiżna, b'enfasi partikolari fuq l-użu tat-teknoloġija tal-informatika u l-kura tas-saħħa fil-komunità. Għandna ħafna punti komuni, ħafna x'nitgħallmu minn xulxin u ħafna x'noffru lil xulxin. Iż-żewġ pajjiżi se jkomplu jaqsmu l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom biex ikomplu jsaħħu s-servizzi li joffru," qal is-segretarju parlamentari.
Il-programm inkluda wkoll żjarat fl-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini u f'COMED Therapeutics fil-Malta Life Sciences Park, kif ukoll fl-impjant farmaċewtiku ta' Torrent f'Ħal Far. Dawn offrew ħarsa lejn il-ħidma fir-regolamentazzjoni tal-mediċini, l-industrija farmaċewtika u r-riċerka innovattiva f'Malta, fosthom l-iżvilupp ta' teknoloġiji maħsuba biex iwasslu trattamenti ġewwa ċ-ċelloli, b'applikazzjonijiet potenzjali fil-ġlieda kontra l-kanċer u mard ieħor.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur tat-Turkija f'Malta Barkın Kayaoğlu ddeskriva l-laqgħat bħala pożittivi u enfasizza l-opportunitajiet li ż-żewġ pajjiżi jistgħu joffru lil xulxin. “Hemm diversi oqsma li fihom iż-żewġ pajjiżi jikkumplimentaw lil xulxin. It-Turkija għandha esperjenza estensiva fl-infrastruttura tas-saħħa u tixtieq taqsamha ma' Malta, pajjiż li nqisu bħala ħabib. Fl-istess waqt, Malta għandha l-vantaġġ tal-konnettività tagħha, li tista' tkun ta' benefiċċju wkoll għat-Turkija," temm jgħid l-ambaxxatur.